Mixja fl-Imgħoddi 3D

Waqt it-Tieni Gwerra Dinjija kellhom jinbnew xelters bħala protezzjoni mill-attakki mill-ajru. Dawn kien imħaffrin fil-blat u għalhekk ix-xogħol kien iebes u ħa ħafna ħin. Ix-xogħol fuq ix-xelter viċin ir-Rotunda beda fl-1940 u kien miftuħ għall-użu fl-1941 wara ħames xhur ta’ skavar. Dan kien skavat minn 15-il ħaddiem tas-sengħa li ħadmu lejl u nhar b’xifts differenti. Huwa 75 metru twil u jibqa’ sejjer sa 7 metri għal taħt il-pjazza prinċipali. Id-disinn tiegħu jikkonsisti minn kurituri li jwasslu ma’ xulxin, b’ħafna entraturi u ftit kmamar żgħar. Wieħed minn dawn kien miksi bil-madum biex jinżamm nadif kemm jista’ jkun peress illi kien jintuża meta xi mara kellha bżonn twelled waqt xi attakk mill-ajru. Uħud mill-Mostin kienui jfittxu kenn fil-knisja parrokkjali u fil-kripta sakemm kien hemm xelters biżżejjed.

Il-Victoria Lines

Il-Victoria Lines huma serje ta’ fortifikazzjonijiet li jkopru l-gżira ta’ Malta mil-lvant għall-punent għal tul ta’ tnax-il kilometru. Dawn il-forom ta’ difiża nbnew bejn l-1870 u l-1899 u ġew imsemmija għar-Reġina Victoria, f’għeluq is-sitt sena tal-Ġublew tad-djamant tagħha bħala sovrana. Dawn il-forom ta’ difiża kienu intiżi biex jipproteġu l-parti tan-nofsinhar ta’ Malta l-iktar popolata, minn xi invażjoni li setgħet tiġi mill-parti tat-tramuntana tal-gżira. Il-Victoria Lines, jikkonsistu f’numru ta’ batteriji, fortizzi u linji ta’ infanterija li effettivament qatt ma ntużaw għad-difiża u fl-1907 ma kinux ikkunsidrati aktar bħala postijiet ta’ importanza fejn tidħol dik li hi difiża. Hija esperjenza mill-isbaħ li wieħed jagħmel mixja madwar il-Victoria Lines.

Il-Mitħna tal-Mosta

Il-fortizza tal-Mosta tinsab fiċ-ċentru tal-Victoria Lines. Il-forti nbena fl-1878 mill-Militar Ingliz. Il-forti għadu jintuża sal-lum mill-Forżi Armati ta’ Malta. Is-sezzjoni tal-klieb fi ħdan il-pulizija hija miżmuma f’dan il-forti. Viċin il-forti hemm katakombi Ruman li jmur lura għas-sena 400W.K.

Il-Mitħna l-Antika

Din hija l-eqdem mitħna li nsibu fil-Mosta u nbniet fis-sena 1757. Fuqha hemm l-armi tal-Grammastru Carafa (1680-90). Dan juri li kien hemm binja oħra eżistenti, qabel ma nbniet din il-mitħna. Fil-passat l-imtieħen kienu importanti biex isir it-tħin tal-qamħ fi dqiq permezz tal-użu tal-forza tar-riħ. Jidher li din il-mitħna kompliet taqdi l-funzjonijiet tagħha sal-bidu tas-seklu għoxrin billi kienet tipprovdi b’mod regolari id-dqiq biex isir il-ħobż – l-ikel l-aktar bażiku għall-Maltin sa ftit tas-snin ilu.

Id-Dolmen

Id-dolmen hija struttura li oriġinat fil-Preistorja. Fil-Mosta wieħed għadu jista’ jara żewġ Dolmen li kienu l-ewwel skoperti f’Malta. Ma nafux fiċ-ċert x’kien l-iskop ta’ dan il-ġebel Preistoriku (Dolmen), iżda hu maħsub li dawn kellhom rabta mad-dfin u jmorru lura għal żmien il-Bronz. Id-dolmen tal-Mosta jinsabu fil-parti ta’ Santa Margerita u huma mdawwra bi ftit ħajt protettiv.

Ir-Razzett tal-Markiż

Dan ir-razzett tas-seklu sbatax huwa propjeta’ tan-Nobbli Mallia – il-familja Tabone hija magħrufa għal dawn it-tip ta’ rziezet. Għalkemm fil-passat kellu użu ta’ razzett għall-annimali, illum l-ġurnata nbidel f’ċentru kulturali, li jilqa’ fih esebizzjonijiet folkloristiċi u tradizzjonali. Ir-razzett jinkludi fih, mużew ċkejken ta’ għodod antiki Maltin, u affarijiet oħra ta’ interess. Dan il-post huwa mmexxi mill-Għaqda Filantropika Talent Mosti fejn wieħed jista’ jżur dan il-post mingħajr il-ħtieġa ta’ appuntament.

It-Torri Cumbo

Dan huwa razzett rettangolari ta’ interess storiku mibni fuq żewġ sulari. Fuq il-faċċata wieħed jista’ jara niċċa bl-istatwa ta’ San Mikiel Arkanġlu li tmur lura għal bosta sekli. Biex tidħol għal dan ir-razzett li huwa pjuttost kbir trid tgħaddi minn apertura f’għamla t’arkata li tiinsab mal-ġenb tal-ħajt tal-propjeta’. Fiha hemm anke katakombi taż-żmien bikri. Ir-razzett ifakkarna fil-leġġenda tal-għarusa tal-Mosta li nsterqet f’jum it-tieġ tagħha mill-Mori jew it-Torok u spiċċat ilsira. Jingħad li l-għarus ivvjaġġa ferm ‘il bogħod biex ikun jista’ jsib lil maħbuba ta’ qalbu, Marjanna.

Il-Palazz ta' Kaspru

Għalkemm tissejjaħ palazz, il-binja tagħti dehra ta’ dar iffortifikata Din id-dar tmur lura fiż-żmien meta l-Mosta kienet għadha taħt it-theddida mill-ħbit tal-furbani. Il-binja nbniet bi ħsieb li strutturalment toffri difiża lis-sidien tagħha, waqt li toffri wkoll, sens ta’ tama lin-nies tal-akkwata f’każ ta’ reżistenza u bżonn ta’ refuġju mill-furbani. L-istil arkitettoniku tagħha huwa wieħed sempliċi, iżda b’saħħtu biżżejjed f’każ ta’ attakk. F’dawk iż-żminijiet diffiċli din id-dar iffortifikata kienet toffri sens ta’ sigurta’, qalb meded kbar ta’ kampanja estensiva, bi ftit irżieħet imxerrda ‘l hawn u ‘l hinn.

Il-Katakombi ta' Bistra

Il-katakombi ta’ Bistra li jmorru lura għas-sena 400W.K, ġew skoperti fis-sena 1871 u jinsabu fil-parti magħrufa bħala l-Beżbiżija fuq ix-xifer ta’ barra ż-żona mibnija fil-Mosta. Il-katakombi ta’ Bistra huma pjuttost estensivi u jinkludu ammont kbir ta’ postijiet tad-dfin imħaffra fil-ġebel. Għalkemm l-iskop primarju ta’ dawn l-oqbra kien li jintużaw biex fihom isir id-dfin, matul is-snin l-abitanti tal-post għamlu minnhom użu għal skopijiet differenti. Tabilħaqq, dawn l-oqbra spiċċaw anke, intużaw, biex fihom jitqiegħdu l-bhejjem. Dawn intużaw ukoll bħala xelter, min-nies tal-akkwati fi żmien it-tieni gwerra dinjija. Ftit tas-snin ilu dawn il-katakombi għaddew minn restawr kbir biex setgħu ikunu miftuħa għall-pubbliku.

Web Analytics