Tnax-il lokalita’ li flimkien iddistingwew ruħhom matul il-mixja storika tagħna.  Il-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna taw widen għas-sejħa taż-żminijiet u sawwru flimkien l-istorja ta’ poplu sħiħ li minn pajjiż maħkum, kisbu għalih il-ħelsien mit-tiranni, mill-Franċiżi u minn dawk li kkalpestawna. Il-ġenerazzjoniet ta’ llum u ta’ għada wirtu legat ta’ avvenimenti  u ġrajjiet  li jagħmlilhom unur.  Il-kisba mhux biss tad-drittijiet, imma wkoll ta’ sengħa fl-arkitettura, wirt u patrimonju, identita’ u fama.   


Agħfas hawn biex tara għażla ta’ bolli

Fl-20 ta’ Novembru tal-1993, il-Posta ta’ Malta ħarġet sett ta’ erba’ bolol ta’ 5 ċenteżmi l-waħda.  Meta l-bolli jitpoġġew flimkien jiffurmaw stampa waħda.  Dawn kellhom juru l-Kunsilli lokali kollha, bl-armi rispettivi tagħhom.   Permezz ta’ dawn il-bolol il-Posta f’Malta tfakkar it-twaqqif tal-Kunsilli lokali.   Interessanti wieħed jinnota li l-bolol kienu jinkludu fihom 67 Kunsill lokali, mhux 68.   Il-lokalita’ tal-Imtarfa kienet għadha mhux imwaqqfa għax kienet għadha tagħmel parti mill-konfini tar-Rabat.  L-Imtarfa saret Kunsill għalih fis-sena 2000.

It-tnax-il lokalita’ li jiffurmaw ir-Reġjun Tramuntana huma l-Imdina, ir-Rabat, in-Naxxar, il-Għargħur, il-Mosta, Pembroke, is-Swieqi, Ħad-Dingli, il-Mellieħa, l-Imġarr, San Pawl il-baħar u l-Imtarfa.  Matul il-medda twila tas-snin, in-nies li għexu fihom seddqu u sawwru storja u isem għalihom u għal pajjiżna.  Mixja li bdiet minn żmien preistoriku (3800 Q.K) sal-ġurnata ta’ llum.  Storja li bdiet il-mixja tagħha minn ta’ Ħaġrat fl-Imġarr għal żmien l-Imperu Ruman.  Rat il-wasla tal-Grammastri fl-1530 u d-dħul tal-Grammastru L’Isle Adam  fl-Imdina.  L-irvellijiet u r-rewwixta tal-Maltin kontra l-Franċiżi (1799),  il-bini tal-Victoria lines bejn l-1875 u l-1890 sat-twaqqif tal-Gvern lokali.

Fuq il-bolli ta’ Malta tispikka  b’mod dominanti l-figura ta’ San Pawl.  Fejn jingħad li ġie Malta fis-sena 60 w.k  u dam jgħix fostna għal tlitt xhur sħaħ.   San Pawl li għalih ħa ismu San Pawl il-Baħar.  San Pawl li skont kif jingħad għex fi grotta, magħrufa bħala l-grotta ta’ San Pawl fir-Rabat.

Matul iż-żmien il-Posta f’Malta, ħarġet numru ta’ bolol li juru lil dan l-appostlu.  Fost l-aktar rari u mfittxija fosthom, hija dik li ħarġet f’Marzu tal-1919.  Tlett xhur biss qabel l-irvellijiet tas-‘Sette Giugno’.  Din kellha valur ta’ għaxar xelini.  Minħabba l-valur għoli tagħha ftit minnha ġew stampati fejn saru biss 1530 waħda.  Dan wassal biex din tkun l-aktar bolla skarsa  ta’ Malti u mfittxija mill-kollezzjonisti.  Bolla b’disinn ta’ Gustav Dore’ li turi n-nawfraġju ta’ San Pawl.   Din il-bolla reġgħet ħarġet fl-1933, meta il-ftit bolol li kien għad baqa’ f’idejn il-Posta, intużaw biex jitfakkar is-Self-Government tal-1933.  Permezz ta’ ‘Overprint’ Self-Govenment  fuq il-bolla.  Bolol oħra ta’ San Pawl, inħarġu fl-1926, 1928, 1930, 1938, 1947, 1957, 1960, 1965 u fl-2008 fost l-oħrajn.

Il-kunsilli li jiffurmaw ir-Reġjun Tramuntana  għandhom rabta u mħabba partikolari lejn il-figura ta’ dan il-qaddis.  Jista’ jingħad dan ukoll, għad-devozzjoni lejn Santa Marija u San Ġużepp.  Numru ta’ lokalitajiet fir-Reġjun,  għandhom statwi titulari, fejn isiru festi kbar fihom biex ifakkru b’devozzjoni  lil dawn il-qaddisin.  Il-Mosta, Ħad-Dingli u l-Imġarr jiċċelebraw il-festa ta’ Santa Marija.  Fl-Imdina hemm ukoll il-knisja tal-Madonna tal-Karmnu li hija ferm meqjuma. Fil-Mellieħa u n-Naxxar jiċċelebraw lil Marija Bambina.  L-aspett reliġjuż jagħti dimensjoni  b’saħħitha u aspett  storiku, kulturali u identita’ soda.

Il-Posta ta’ Malta ħarġet settijiet apposta li juru d-devozzjoni  bl-istatwi titulari fil-lokalitajiet imsemmija.  San Ġużepp jidher ukoll bħala figura importanti għal numru ta’ postijiet fosthom, ir-Rabat Malta, il-Mosta u  l-Manikata. L-aspett reliġjuż flimkien mal-briju, il-logħob tan-nar, is-solennita’ u l-festa jagħmlu lil-lokalitajiet fir-Reġjun aktar viċin xulxin. 

Anke, l-Victoria Lines, dan jgħaqqad lir-Reġjun tat-Tramuntana min-naħa għall-oħra.  Fl-1997 ħarġet bolla biex tfakkar il-mitt sena minn meta tlesta. Dan ix-xogħol dam sejjer għal 15-il sena u ġie magħluq lejn tmiem is-seklu dsatax.  Dan tista’ tgħid li jaqsam lil Malta mill-Puntent għal-Lvant.  Minn Fomm ir-Riħ, ir-Rabat għall-Madliena sal-Lvant.  Dan ix-xogħol ġie ddedikat lir-Reġina Victoria tal-Ingilterra,  fl-1897, f’għeluq is-sittin sena tagħha fuq it-tron Ingliz u imperatriċi.    Sal-ġurnata ta’ llum għadek issib plakka li tfakkar dan l-avveniment.  Tinsab f’Tarġa Gap u tidher mit-triq prinċipali li twasslek lejn il-Mosta, il-Bidnija u Burmarrad. 

L-istorja tar-Reġjun Tramuntana tibda minn żmien il-Ħaġar, permezz tas-sit ta’ Ħaġrat li jinsab l-Imġarr.  Biex tfakkar dan, il-Posta ħarġet bolla ta’ ċenteżmu fl-1991, parti minn sett definittiv.  Dan is-sett komplut  jibda miċ-ċenteżmu  u jasal għall-valur ta’ żewġ liri Maltin.  Il-bolla tal-10c li tagħmel ukoll parti minn dan is-sett turi l-bajja tal-Mellieħa. 

Bolla oħra interessanti dwar il-Mellieħa ħarġet fl-1999, preċiżment fis-6 ta’ Ottubru tal-istess sena, biex tfakkar  l-inkurunazzjoni tal-kwadru tal-Madonna tal-Mellieħa li jinsab fis-Santwarju tant meqjum fil-lokalita’.  Din kienet bolla tas-6c li turi x-xbieha tal-Madonna bil-Bambin f’idejha.  Bolla oħra li tikkumplimenta dan l-avveniment kienet dik tal-35c,  li turi pittura ex-voto b’kavallier iqim lil Santa Marija, xogħol Stefano Erardi (1630-1716). 

Dakinhar il-posta ta’ Malta fakkret ukoll l-irvellijiet tal-Maltin kontra l-ħakma Franċiża b’sett ta’ erba’ bolol, tnejn ta’ 6c u tnejn ta’ 16c.  Dawn juru lil Dun Mikiel Scerri u lil sħabu, lil Ġeneral Vaubois u lill-Kaptan Alexander Ball.  L-irvellijiet kontra l-Franċiżi raw il-bidu tagħhom meta dawn tal-aħħar bdew jisirqu mill-knejjes tagħna waqt li kienu qegħdin jitrattawna ħażin bl-iskuża tal-liberta’ u l-fraternita’.  Kienu l-Maltin flimkien man-nobbli tal-Imdina, immexxija, min-Nutar Emmanuele Vitale (1759-1802) li wettqu l-imblokk tal-Franċiżi fl-Imdina.  Bolla ta’ dan il-patrijott Malti, Emanuele Vitale, imwieled ir-Rabat, inħarġet mill-posta ta’ Malta, fit-18 ta’ Ottubru 2002.  Bolla li kellha l- valur ta’ 50ċ. 

Il-Belt tal-Imdina, bħala l-belt antika ta’ Malta, ingħatat importanza kbira fil-filatelija tagħna.  Ħarġu bosta bolol minn żmien għal żmien, iżda sejjer insemmi dawk li l-aktar jispikkaw.  L-ewwel bolla li turi l-Imdina (Notabile), inħarġet fis-6 t’April 1926.  Din turi l-fortikazzjonijiet  tas-swar li jdawwar l-Imdina.  Bolol simili huma dawk tal-1928 u 1930.  Fl-1938 ħarġet bolla oħra li turi l-Belt l-antika u ritratt tar-Re Gorg VI.  Il-bolol li huma fuq l-Imdina dejjem kienu ta’ valur għoli.  Il-valur tal-bolla kien dejjem dak ta’ żewġ xelini (2/-), li għal dak iż-żmien kienu jfissru ħafna. 

Fl-ewwel definittiv tar-Reġina Eliżabetta fl-1956-57, (dan is-sett komplut inħareġ fuq sentejn), il-bolla l-vjola tax-xelin kienet turi l-bieb tal-Imdina (Mdina Gate).  Huwa fatt interssanti li f’waħda mill-bolol ta’ dan is-sett, bil-valur ta’ żewġ soldi (2d), tidher ir-Rotunda tal-Mosta, bolla ta’ kulur ‘beige’.  Fuq il-bolla jidher wiċċ ir-Reġina, kif ukoll il-George Cross u s-salib tal-Kavallieri.  Dan is-sett kien magħmul  minn sbatax-il bolla.  L-ogħla żewġ valuri tas-sett juru  l-istatwa titulari ta’ San Pawl tal-Belt u l-monument ta’ San Gwann l-Għammied, maħdum mill-iskultur Mazzuoli, li jinsab wara l-artal maġġur fil-kontkatidral ta’ San Ġwann.

Is-sett defintittiv tal-1965, li fih 21 bolla, juri aspetti varji,  avvenimenti u ġrajjiet importanti.  Il-bolla taż-żewġ soldi turi lampa tat-terrakotta u żmien il-ħakma Rumana.  Il-villa tal-Gvernatur Ruman tinsab ir-Rabat fuq in-naħa tal-pitkali.  Il-bolla tat-tlett soldi turi l-bini Sicolo-Normann li jinsab fl-Imdina, waqt li l-bolla tal-lira, turi t-tliet qaddisin protetturi tal-Gżira – San Pawl, Sant’Agatha u San Publiju. 

Bolla oħra hija dik li turi binja storika oħra mill-isbaħ fl-Imdina. Din hija l-bolla ta’ Palazzo Falzon, b’valur ta’ sitt soldi (6d).  Wieħed jinnota li kienu bosta matul is-snin il-bolol tal-Milied, li fihom kienu jinkludu pitturi u xogħlijiet artistiċi li nsibuhom fl-Imdina, fil-knisja tal-Mosta u fi knejjes u kappelli oħra fin-Naxxar, San Pawl il-baħar u r-Rabat.

Bolla interessanti fis-sett definittiv, bl-ewwel valuri deċimali, maħruġ fl-1973, turi li San Martin jgħaddi nofs il-mantell tiegħu lill-fqajjar.  Din il-bolla kellha l-valur ta’ għaxar ċenteżmi.  Il-bolla tal-5 milleżmi turi l-aspett folkloristiku, waqt li dik ta’ żewġ ċenteżmi turi stampa l-importanza agrikola f’Malta.  Dawn huma żewġ karatteristiċi li huma tipiċikament marbuta mar-Reġjun tagħna.  L-aspett folkloristiku u t-tradizzjoni huma wisq importanti fl-identita’ ta’ dan ir-Reġjun.  Ir-raħal ta’ Ħad-Dingli jispikka flimkien mal-Imġarr fl-oqsma tal-biedja, l-aspett agrikolu u l-folklor Malti.  Fl-1976 f’sett ta’ erba’ bolol iddedikat lill-folklor kien juri il-logħob tan-nar, il-Karnival, il-Ġimgħa Mqaddsa u l-Imnarja, festa bi tradizzjoni antika li ssir f’Ħad-Dingli.  Fuq din il-bolla tal-5 centeżmi, xogħol id-diżinjatur Nazzareno Camilleri, turi l-għannejja waqt ix-xalar ix-xorb u l-ikel.  L-Imnarja tingħata wkoll prominenza fuq bolla maħruġa fl-2004, b’valur ta’ Lira Maltija (Boschetto Gardens).  It-tliet bolol l-oħra , għal darb’oħra juru l-festa ta’ San Martin (51c), kif ukoll Lapsi u San Girgor.   L-Imġarr huwa wkoll post ta’ tradizzjoni u ġenerazzjonijiet ta’ raħħala u bdiewa mgħallma sew fis-sena tal-biedja u xogħol fir-raba’.  Dan huwa l-karattru li jgħaqqad ir-Reġjun u jagħmlu wieħed komplut.

Madwar il-konfini tar-Reġjun wieħed jista’ josserva għadd ta’ kappelli, torrijiet, swar, triqat doloq, pajsaġġi, flora, fawna, irdumijiet u elf ħaġ’oħra.  Dan jagħmel ir-Reġjun sinjur wkoll fil-biodiversita’.  F’sett ta’ bolol maħruġ fis-16 ta’ Ġunju 2004, magħmul minn ħames bolli, bit-tema ‘Wayside Chapels’, jidhru l-kappella ta’ Santa Luċija fl-Imtarfa u dik tas-San Ċir fir-Rabat.  Dawn il-kappelli akkumpanjaw il-pajsaġġ tipiku Malti għal madwar 500 sena.  Fuqhom inkitbu diversi leġġendi u madwarhom għal tant snin il-fawna u l-flora ma kinitx mittiefsa.  Hija ħasra li l-moderniżmu seta’ tahom ftit il-ġenb u ħalla biss in-nostalġija tagħhom.

F’sett b’tema ‘Castles and Towers’ f’Settembru 2006, jidhru t-torri ta’ Wignacourt, San Pawl il-baħar u l-kastell Verdala, il-Buskett.  Żewġ bolol li juru ritratti pittoreski t’arkitettura fi żmien l-Ordni ta’ San Ġwann. It-Torri ta’ San Pawl il-Baħar, huwa l-eqdem wieħed li għandna f’Malta, mibni fl-1609, waqt li l-palazz Verdala beda jinbena fl-1586, fuq il-pjanti tal-Perit Ġilormu Cassar. 

It-tliet bolol l-oħra juru it-Torri ta’ Selmun li nbena lejn tmiem il-ħakma tal-Ordni  fl-1786, fi żmien il-Grammastru De Rohan (1775-1797), dak ta’ Kemmuna u San Luċjan. 

Mill-1964 lil hawn, mijiet ta’ personaġġi Maltin, ingħataw prominenza  permezz tal-bolol.  L-ewwel fosthom kien Sir Temi Zammit (maħruġa fl-1964), arkeologu, storiku u tabib li sab il-marda tat-Tuberkolożi.  Marda li qatlet numru ta’ Maltin minħabba l-ħalib mhux ippastorizzat.  Zammit matul ħajtu ħadem fuq numru ta’ siti arkeoloġiċi, fosthom dak ta’ Ħaġrat, fl-Imġarr. Fl-1994 ħarġet bolla oħra biex tfakkar lil dan il-Malti.

Il-bolol Maltin fakkru persuni li ddistingwew ruħhom matul is-snin.  Fost dawn insibu storiċi, politiċi, kittieba, poeti, atturi, kompożituri, filantropiċi, arluġġara, artisti, botaniċi, tobba, arkitetti, studjużi fost l-oħrajn.  Insemmi lil Nocolo’ Isouard , il-kompożitur Joseph Calleja, attur li ħadem f’Hollywood, Mikiel Anton Vassalli, lingwista u patrijott, Monsinjur Mikiel Azzopardi li waqqaf id-dar tal-Providenza, Pietru Caxaro li kiteb l-ewwel kantilena bil-Malti fis-seklu XV  u San Gorg Preca.  Dan tal-aħħar kien l-ewwel qaddis Malti, wara San Publiju.  Huwa sar Beatu flimkien ma’ Swor Adeodata Pisani, imwielda r-Rabat u għexet il-kumplamnet ta’ ħajjitha fi klawsura Benedittina fl-Imdina.  Ma’ dawn hemm il-Beatu Nazju Falzon, li kellu devozzjoni kbira lejn il-figura ta’ San Ġużepp. 

Żewġ artisti magħrufa fir-Reġjun huma Emvin Cremona u George Fenech.  Emvin Cremona, Rabti, ħadem u ddisinja kważi l-bolli kollha ta’ Malta, bejn 1964 u 1980.  Il-kapaċitajiet artistiċi tiegħu jiġu mfakkra minn żmien għal żmien permezz ta’ esebizzjonijiet u kitba.  Huwa ħalla patrimonju kbir artistiku fil-knejjes tagħna u fil-qasam tad-disinn fuq il-bolla f’Malta.  Ħalla wkoll numru ta’ xogħlijiet artisti f’għadd ta’ knejjes imxerrda madwar Malta u Għawdex, fosthom fil-knisja ta’ Maria Bambina, in-Naxxar.  L-artist George Fenech, Mellieħi, fl-1977, fis-sett ‘Europa’, ħalla l-pittura tiegħu tal-knisja tal-Isperanza tal-Mosta fuq bolla maħruġa f’sett ta’ tnejn. Il-bolla l-oħra hija wkoll impittra minnu u turi s-Salini.

L-aħħar sett definittiv li ħarġet il-posta ta’ Malta fl-2009 bit-tema ‘Heritage Definitive’, ikopri l-istorja ta’ Malta miż-żmien Neolitiku f’Għar Dalam sa ma Malta daħlet membru sħiħ fl-Unjoni Ewropea, fl-1 ta’ Mejju 2004.  Ir-Reġjun tat-Tramuntana, kellu sehem attiv fl-iżvilupp tal-istorja tagħna.  Ġrajjietu hija imfakkra u mfakkra  fuq il-bolol.  Fuq il-bolla €0.02 (il-Ġebel Megalitiku), €0.10 (iż-Żmien Ruman u l-Villa Rumana, ir-Rabat), €0.26 (l-Għarab f’Malta), €0.37 (In-Normanni u l-Konti Ruġġieru I), €0.63 (Il-Franċiżi f’Malta).

Waqt iż-żjarat tal-papa Gwanni Pawlu II, f’Malta fl-1990, 2002 u Benedittu XVI,  fl-2010, numru ta’ lokalitajiet fir-Reġjun ingħataw importanza partikolari.  Dan minħabba t-twemmin reliġjuz u r-rabta li għandhom mal-istorja tal-knisja f’pajjiżna.   Dawn żaru l-grotta ta’ San Pawl, is-Santwarju tal-Mellieħa u ta’ Pinu f’Għawdex.

Bi ħlewwa wieħed jinnota l-karozzi tal-linja li kienu magħrufa bħala x-Xarabank.  Issa baqgħu biss parti mill-istorja tat-transport f’Malta.  Fuqhom kienu jġorru l-isem tal-lokalita’ li joperaw fiha u kif ukoll il-kuluri li jiddistingwihom.  Kont stajt tilmaħ bosta ismijiet ta’ lokalitajiet li jiffurmaw parti mir-Reġjun.  Illum dawn il-karozzi tista’ tarahom biss meta tqalleb fir-ritratti ta’ Malta, fl-imgħoddi. Għalkemm biss, ilhom biss għaxar snin, li spiċċaw mit-toroq tagħna.   Tista’ żżomm tagħhom katolina jew issib bolla li tfakkarhom.

Hemm wisq x’wieħed ikompli jgħid dwar l-istorja tal-filatelija f’Malta u r-Reġjun.  Hija ħasra li numru ta’ lokalitajiet ftit li xejn jintwerew fuq il-bolla Maltija.  Dan għaliex, kif kulħadd jaf, huma lokalitajiet pjuttost ġodda.  Nemmen li l-istorja tagħhom għad trid tinkiteb. 

Ir-Reġjun Tramuntana u r-rabta tiegħu storika ma’ Melita (Malta),  jimxu il-passi ta’ ġrajjietna, ddisinjata fuq bolla mibgħuta minn post għall-ieħor madwar id-dinja.  Fatt tal-aħħar hu li l-ewwel bolla ta’ Malta nħarġet għall-ewwel darba, fl-1 ta’ Diċembru 1860.  Eżattament għaoxrin sena wara li fl-1 ta’ Diċembru 1840, ħarġet il-‘Black Penny’, l-ewwel bolla tad-dinja.  Sa llum il-ġurnata l-Posta ta’ Malta ħarġet aktar minn elfejn bolla. 

Charles Azzopardi B.A P.G.C.E (mlt)

Azzopardi twieled ir-Rabat Malta, fl-4 ta’ Lulju 1978.  Ħa l-edukazzjoni Primarja tiegħu ir-Rabat, aktar tard fl-iskejjel sekondarji tal-Gvern f’Ħad-Dingli u l-Imtarfa.  Iggradwa mill-Universita’ ta’ Malta, fil-Malti u l-Politika barranija.  Okkupa l-kariga ta’ Sindku tar-Rabat fl-2003 u fl-2013.  Huwa għalliem u librar.  Kollezzjonist tal-filatelija, numismatika u dokumentazzjoni Maltija ta’ riċerka storika.  

Web Analytics