Ġrajjietha
L-istorja tal-Imtarfa hija integrati mal-istorja ta’ Malta Fdalijiet Preistoriċi għadu jeżistu sa llum il-ġurnata. Fosos tal-qamħ, trejqiet tal-karettun u oqbra maqtugħa fil-blat jinsabu imxerrda mal-parti mhux urbana fl-Imtarfa.
Dr. J.D. Evans, fil-ktieb tiegħu ‘The Prehistoric Antiquities of the Maltese Islands (London 1971 p. 107) jiddikjara li meta kienu qegħdin jitħaffru ix-xelters qabel l-Ewwel Gwerra Dinjija (Frar-Marzu 1939), instabu żewġ fosos tal-qamħ. Instab fuħħar Riċentement meta d-djar fl-Imtarfa faqsu drastikament biex jinbnew aktar djar residenzjali, instabu numru ta’ fosos oħra.
Irħam imnaqqax instab ukoll madwar is-sena 1613. Dan ġie attribwit għat-tempju ta’ Prosperina. Skrizzjoni Rumana li tibda bil-kliem CHRESTION u li għandha l-aħħar kelma INAURAVIT (Bres, Malta Antica Illustrata, Roma 1816 p. 334 and 351) ġiet studjata minn diversi studjużi Maltin u barranin. Irħam misjub fl-1747, fl-inħawi fejn kien jeżisti t-tempju ta’ Apollo, kien jintuża biex isiru minnu l-artali. L-arma tal-Grammastru Carafa ġiet skulturata minn irħam li nstabu fis-sit. Huwa importanti ħafna, li jekk ladarba jiġi skopert xi forma ta’ wirt storiku fl-iskola Primarja tal-Imtarfa, b’dan jiġu infuramati l-awtoritajiet ikkonċernati, għax dan jista’ jkolli sinifikat storiku importanti għall-istorja u l-kultura tagħna.
L-isem ‘MTARFA’ deher għall-ewwel darba f’att notarili minn nutar Sqalli Noto Bartholo de Guasto u msemmi bħala La Mitarfa, pecia terrae. Mtarfa tfisser “fit-tarf”. Madankollu l-Professur Wettinger fil-ktieb tiegħu ( ‘Place Names’ p.403) huwa tal-opinjoni li l-isem oriġinali tal-Imtarfa jista’ jkun assoċjat ma’ raġel Spanjol li għex fi żmien il-Medjuevu – Mutarrif – li kien eżiljat f’dan il-post.
Ġnien kbir f’din il-lokalita’ kien jappartjeni lill-Katidral tal-Imdina – magħruf aktar bħala l-ġnien ta’ San Nikola. Dan kellu wkoll kappella ddedikata lil Santa Luċija. Consalvo Argiona fl-1460 għadda dan il-ġnien li ċertu Tarkwinju Zammit u sussegwentement lil Antonio Falzon. Dan tal-aħħar ta l-ġnien b’benefiċenza lill-Katidral tal-Imdina fejn dawn għaddewha b’kera perpetwa lil Angelo Manduca. Il-kera rabtet lil Manduca biex jagħmel, apparti kundizzjonijiet oħra, quddiesa fil-kappella ta’ Santa Luċija. Il-Kappella hija elenkata fil-visita Pastorali tas-16 ta’ Mejju 1774 mill-Isqof Alpheran de Bussan. Huwa jagħti numru ta’ grazzji lil dawk id-devoti bl-interċessjoni ta’ Santa Luċija.
L-Imtarfa, baqgħet għal numru ta’ snin art fertili bejn il- “Qlejja” u l-widien tal-Busbies Numru ta’ mtieħen tar-riħ żejnu l-panorama ta’ dan ir-raħal. Il-popolazzjoni kienet kważi kollha raħħala. Dawk li jrabbu l-annimali kienu jbiegħu l-bhejjem tagħhom fil-monti tar-Rabat.
L-imtarfa rat bidla kbira fi żmien il-ħakma Inġliża f’Malta. Madwar l-1890 inbena numru ta’ kwartieri għall-ammiraljat. Aktar tard inbena sptar biex idewwi lill-midruba li kienu ġejjin mid-Dardanelli matul l-Ewwel Ġwerra Dinjija. Ix-xogħol fuq l-isptar inbeda fl-1915 u tlesta fl-1920. Hekk kif l-Imtarfa sar ċentru ta’ attivita’ fejn numru ta’ ħaddiema kellhom imorru jaħdmu f’dan il-post, fl-1883 il-ferrovija ġiet estiża wkoll għall-Imtarfa. Is-serviżżi Ingliżi fasslu wkoll pjan ta’ infrastruttura għall-Imtarfa. Huma bnew wkoll tank tal-ilma li għadu hemm sa llum, biex jipprovdi għall-bżonnijiet ta’ kuljum billi jiġbor l-ilma tax-xita permezz ta’ ġibjuni taħt l-art, li uħud minnhom għandhom jintużaw sa llum il-ġurnata.
Id-devozzjoni lejn Santa Luċija, il-qaddis protettur ta’ dawk bi problemi jew mard tal-għajnejn żdiedet mal-ftuħ tal-isptar. Madankollu l-Awtoritajiet Ingliżi ħassew il-bżonn li jibnu kappella fl-isptar, iddedikata lil San Oswaldu biex tlaħħaq mal-esiġenzi spiritwali tal-miltar Inġliz u l-familji tagħhom. Lejn l-1895 is-simbolu tal-Imtarfa – it-Torri tal-Arloġġ kien diġa’ jiffunzjona. Dan għadu jiffunzjona u jaħdem perfett sa llum. Kien dan l-aħħar li l-Kunsill lokali tal-Imtarfa talab lill-awtoritajiet biex isir fuqu restawr qabel ma dan jaqa’ taħt ir-responsabilita’ tal-Kunsill lokali.
L-għajnuna spiritwali lir-residenti fl-Imtarfa hija f’idejn ir-rettur appuntat mill-parroċċa tar-Rabat. Snin ilu dan is-servizz kien jingħata mir-Rev. Copperstone u numru ta’ patrijiet Dumnikani, waqt li matul dawn l-aħħar 50 sena, Rev.fr. Michael Saliba ddedika lilu nnifsu hu, għall-ħtiġijiet pastorali, waqt li ra lill-Imtarfa tikber minn popolazzjoni ta’ ftit għexieren ta’ nies għal waħda li tlaħħaq l-2000 resident.
Il-passat reċenti fl-Imtarfa jafu kulħadd. Mill-1987 inbnew numru ta’ appartamenti, fejn binjiet għall-militar ġew mibdula fi djar residenzjali u ċentri għall-persuni bi bżonnijiet speċjali , taħriġ għall-adulti u ċentru pastorali. Ħidma amministrattiva maqtugħa mill-konfini tar-Rabat.
Fis-sena 2000 l-Imtarfa eleġġiet il-Kunsill lokali tagħha magħmul minn ħames kunsilliera. Għandha l-iskola Primarja tagħha; skola Sekondarja li tiġbor fiha studenti mill-akwati, għassa tal-pulizija, librerija pubblika ffinanzjata mill-Kunsill u klinika li għadha kif bdiet topera.
Il-Kunsill tal-Imtarfa għażel id-data tas-27 t’April, bħala Jum l-Imtarfa, il-ġurnata li tfakkar meta ġew eletti l-ewwel kunsilliera lokali. Il-qofol ta’ gimgħa attivitajiet li fakkru Jum l-Imtarfa fis-27 t’April 2002, intlaħaq meta l-unur Ġieħ l-Imtarfa ngħata lil Rev.Kanonku Dun Mikiel Saliba għal servizz twil ta madwar ħamsin sena, fejn serva bħala l-Amministratur Spiritwali.
Kunsillieri
Kunsillieri




